Monday, June 6

L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

Hawn. Dejjem ħaqq dak Alla hawn. L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. Għal xi raġuni, dejjem hawn fejn tolqotni b'saħħa liema bħalha dik id-dieqa nspjegabbli. Bikja tajba, tazza inbid, sigarett. U mbagħad inbid ieħor u sigarett ieħor. U ieħor, forsi ninsa li ħa jkolli nerġgħa nitlaq. 

Is-sħana mhux ċajta. Għadu bidu ta' Ġunju, u diġá lanqas tiħaq tinħasel li ma tkunx qiegħed tgħereq. Ma naħsibx kinet tkun daqshekk sħana fil-passat. Jew forsi jien li ma għadnix niflaħ għas-sħana ta' pajjiżi stess. Kerha, li tibda tħossok aljen f'pajjiżek. 

Kemm rani f'mumenti iebsa dan il-post. Sewwa kienet tgħid il-kitba miżbugħa fuq il-ħajt, "ma hemmx postijiet oħra fid-dinja li jara biki u bews iktar onesti minn ajruport." 

Kienu sebgħa snin u tmien xhur ilu. Kelli biljett bla ritorn il-barra minn hawn, u kont fis-sebgħa sema. Kif itiru s-snin ostja. Minn dik it-titjira l'hawn dan l-ajruport rani niħi u mmur ma nafx kemm il-darba. Rani ngħannaq, nbus, nisker, nidħaq u nogħxa kif ukoll nibki u nixher. Dan il-post kien għalija l-opportunitá li mmur nara u ngġħix id-dinja. Li mmur insir xi ħaġa lil'hinn minn dak li kont, x'imkien ieħor il-bogħod minn xtutna.  Irniexxieli. Xi ħaġ' oħra sirt. Dak li kont zgur li zgur li ma għadnix. Karriera għamilt. Ħbieb għamilt. U l-Ewropa llum dorta kważi kollha. Imma għalxiex sewa dan kollu?

Forsi wiħed mill-isbaħ mumenti kien meta kif wasalt, wara tlett xhur ma narha, ħriġt barra, għannaqt lil missieri, u għedtlu jistennieni mument sakemm dort il-kantuniera għal Costa Coffee, u kif rajta hemm lil Elizabeth ġrejt għal fuqha u ma stajtx nieqaf inbusha. Kinet l-ewwel bewsa tagħna. Ironikament, f"ajruport ieħor, il-Lussemburgu, kellha tkun dik tal-aħħar. U xi ngħidu fuq l-ajruport ta' Lisbona. Li kull meta kelli nħalli lil Aurelia warajja hemmek, qisu xi ħadd għaddas idu min ġo ħalqi, laħaqli sal-kaxxa ta' sidri, qabadli qalbi u għasarieli. 

Imma l-ebda minnhom ma qabbadni dwejjaq, daqs kemm sar iqabbadni dwejaq l-ajruport internazzjonali ta' Malta.  Ir-rogħda, il-friefet fil-kaxxa ta' sidri, l-għoqla li titlali fi griżmejja, u l-isturdament li jibda ġej. Dan il-post narah biss bħala saħta, li kull darba li niġi lura lura hawn, id-dar, ħa jkolli nerġgħa ngħaddi minnu, biex immur l'hemm. Il-post fejn ngħannaq lil ommi u missieri qabel nitlaq, u bilkemm inkun niflaħ ngħidilhom xejn, ma jmrux ninfaqa' nibki quddiemhom. Kemm nibża', li ħa tkun dik l-aħħar darba li qatt rajt lil xi ħadd minnhom.

U dik hi, dan il-post sar is-simbolu li minnu jien ħa mmur l'hemm, u ma għadnix irrid immur l'hemm. Hawn sabiħ. Malta sabiħa ħafna! Familja, ħbieb, ikel, baħar, xemx ... xi erbgħa pastizzi tal-irkotta ma Excel ħafif ħafif. Nies ma min nista' nitkellem u mhux irrid nidgħi biex sempliċement ngħaddilhom idea jew ħsieb, li huma tant huma rogloditi biex jifmhu. F'għoxx il-Ġermanja. Ħadd ma jaf kemm hu sabiħ hawnhekk daqs dawk li huma minn hawn u telqu l'hemm.

Imma issa ma hemmx x'tagħmel. Din diġá r-raba' tazza li qiegħed nixrob. U għadni fuq stonku vojt. Aħjar forsi issa fuw l-ajruplan ma naħsibx iktar, u norqod ftit. Norqod nixtieq, forsi noħlom, taf int, li xi darba niġi lura hawn, u din id-darba, tkun għal dejjem.


No comments:

Post a Comment