Kellna niltaqgħu dalgħodu. Kellna mmorru nieħdu kafe. Kafe pingado, bħal dak li kont dewwaqtni u darrejtni int, meta konna Lisbona flimkien. Qas ilu erbgħa xhur, imma jinħassu eternita. Kien ilni nistennieh dan il-mument. Xahar, tlett ġimgħat u jumejn, biex inkun eżatt. W issa dalgħodu, fis-sebgħa kellna niltaqgħu, u kelli l-friefet f'qalbi. Friefet u tferfir minn dawk li qas sigarett, Pueblo blu, mil-qawwi u bla filter, tal-bennejja, ma jirnexxilu jikkalmhom.
U int, li avolja weġġajtni, naf li ma kienitx b'malizja. U minħabba f'hekk qatt ma bgħattek tieħdu f'għoxx kemm għandek l'hemm. Kienu d-dinja u l-ħajja li qabbduna toroq differenti, u int ma ħtejt xejn. U għalhekk bqajt inħobbok, avolja jekk xi ħadd ħa jsaqsi, jien ħa niċħad. Nilludi lili nifsi.
U kemm tħobbu lil Oreo, dak il-qattus xwejjaħ, abjad u iswed, hemm fid-dar t'ommok, ġewwa raħal minsi f'qiegħ il-Lussemburgu. Mhux ta' b'xejn li għaddejt titmagħhom il-qatates, hemmek fi Ġnien l-Indipendenza, max-xatt.
U wasalt kmieni, ippassiġġajt ftit, mal-mixja tax-xatt li mill-Balluta, fejn ipparkjajt dak il-Mini blu, qadima w imdamdma li għandi. Inżilt bil-pass, waqt li pejjipt sigarett ieħor, forsi l-ostja friefet ġol-kaxxa ta' sidri jieqfu jferfru u jittajjru, u nsib naqra kalma. Rajt wiħed stramb, jiġri u jitkellem waħdu f'nofs il-bankina. Bjond, insomma, xahru bleachjat bil-flokk nofs komma, avolja kien il-bard ta' Jannar.
Dħalt fil-ħanut, dik ir-riħa ta' kafe taqsam. Dik ir-riħa ta' kafe għadu kemm jinxtewa, u jintaħan. U dik tal-ħalib, sħun sħun, waqt li l-barista kienet qegħdha tipprepara Kappuccino għal klijent iehor. U ftit wara ġiet issaqsini x'nixtieq, u għedtilha li "għalissa xejn, għax qiegħed nistenna lil xi ħadd". Ma kellix paċenzja, iżda bqajt issumat niċassa lejn l-arloġġ. Is-sekondiera ddur u ddur u ddur, minuta wara l-oħra, nistenna lilek titfaċċa fil-bieb, newdhen fuq x'nista' ngħidlek. U f'iktar minn "Hello", moħħi ma bediex jaħseb.
Imma int bqajt ma tfaċċajtx. Għaddiet kwarta, nofs siegħa, u bdejt naqta qalbi. Issuppervjajt, u qomt minn mal-mejda u mort mal-bank. "Espresso doppju jekk jogħoġbok". Sakemm qdietni l-barista, rembilt sigarett ieħor. Newwlitli l-kafe, u wara li fqajtu żokkor, tant li jdardrek, niżżiltu f'nifs wiħed. Qbadt ġidi, u tlaqt il-barra.
Imma hemmhekk bqajt issummat. Nara ambulanza, nara karozzi tal-puluzija, eżatt hemm, fejn naf li jkunu l-qtates. Ittawwalt minn ftit l-bogħod, u huma jpoġġu l-liżar abjad fuq ġisem mitluq, ngħaraf wiċċek, b'dik il-ħlewwa kollha tiegħu. B'dak ix-xagħar bjond u twil ...
--- o ---
U qomt bla nifs. Ftaħt għajnejja, u kull ma rajt dak is-saqaf abjad, li fid-dawl tas-sitta ta' filgħodu jidher iktar qisu xi ġriż maħmuġ. Ma stajtx nieħu nifs, qisu xi ħadd kien qabadni minn għonqi u qiegħed jifgani. Ma nafx kif inqlajt minn fuq is-sodda, u għotort għal mal-art. In-nifs b'xi mod ġie, u infqajt nolfoq qisni tarbija, kollni għaraq li xaqq għalija matul il-lejl. Hemm mal-art, kobba, fuq dak il-madum kiesaħ u iebes.
U għal--grazzja t'Alla, anzi x'qiegħed ngħid, tal-allat kollha li qatt kien hemm, u li qatt għad ikun hemm, veri jew foloz, int ma tinsabx hawn u hekk. Int tinsab tajba, u tinsab f'saħħtek. U avolja l-ħajja ħaditna f'toroq differenti, u ma naħsibx li qatt ħa terġgħa tlaqqana, ma rrid qatt li qatt jiġrilek xi ħaġa. U nispera li tinsab kuntenta. Dan ngħidu mhux għax għadni inħobbok, imma għax l-ebda mara fuq wiċċ din id-dinja misħuta ma ħaqqha hekk. Ħadd u l-ebda!
U avolja l-kafe ma naħsibx li qatt ħa nerġgħu neħduh flimkien, għallinqas int għadek tista tgawdih, u nispera jibqa hekk għal dejjem, mhux kif ġralha Paulina.
Ma kienx ħaqqha hekk Paulina.
Kien ħaqqha ħafna aħjar Paulina.
U lanqas l-allat kollha li qatt kien hemm, u li qatt għad ikun hemm, ma jirnexxilhom iżommuni milli inqattgħu biċċiet b'idejja stess, lil xi ħadd bħal dak il-purċinell beżqa li lil povra Paulina għamillha hekk, jekk qatt xi ħadd jagħmel hekk lilek.
--- o ---
U lilek, il-qarrej, ftakru dan l-isem. Paulina Dembska. U ara tazzarda qatt tinsieħ! Għax hi kienet bint xi ħadd, probabbli oħt xi ħadd, u x'imkien fuq wiċċ din id-dinja mnejka, hemm uħud, li għadhom iħobbuha bl-istess mod kif jien għadni nħobb lil min telaqni.
U barra minn fuqek, anzi barra minn fuqna t-tnejn, u kulħadd fuq wiċċ did-dinja, li xi ħadd ikollu jgħaddi minn dak li għaddiet hi, u dawk li kienu jħobbuha.
Kien ħaqqha ħafna aħjar Paulina.